L-Iskola Nazzjonali tal-Arti Vizwali u Performattiva.
L-iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ San Tumas More u toffri lill-istudenti żgħażagħ tal-Iskola Sekondarja għażla oħra fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Għandha għażla ta’ ħames forom ta’ arti li l-istudenti jistgħu jagħżlu minnhom u jiffokaw fuq WIEĦED minnhom bħala s-suġġett ewlieni ta’ studju. Dawn huma: Arti, Żfin, Drama, Midja u Mużika u kull sena jidħlu 48 student minn madwar Malta u Għawdex. Dawn jintgħażlu permezz ta’ awdizzjonijiet, intervisti u referenzi.
Din l-istituzzjoni edukattiva relattivament ġdida, tagħti lill-artisti żgħażagħ l-opportunità li jkomplu jtejbu l-ħiliet artistiċi tagħhom, kif ukoll is-sens komun u l-intellett billi jikkonsolidaw il-livelli attwali tat-talent tagħhom mingħajr ma jirrinunzjaw għall-profiċjenza tagħhom fis-suġġetti akkademiċi ewlenin. Fil-fatt, l-iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva għandha l-għan li timxi ‘l quddiem fuq triq doppja, jiġifieri dik artistika kif ukoll dik akkademika
IFis-Seba’ u t-Tmien Sena, kull student għandu għażla ta’ forma ta’ arti primarja waħda li jagħżel, iżda għandu wkoll lezzjonijiet (għal perjodu ta’ ftit ġimgħat) fl-erba’ forom ta’ arti l-oħra mifruxa matul is-sena skolastika kollha. Is-suġġetti tradizzjonali l-oħra jsegwu l-istandard kurrikulari mitlub minnhom. Mid-Disa’ Sena sal-Ħdax-il Sena, il-numru ta’ lezzjonijiet tas-suġġetti sekondarji jinżel ftit, u l-istudenti jkomplu bl-għażla tal-arti preferuta tagħhom.
L-Iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva bħalissa qiegħda tipprepara għat-tmien sena skolastika tagħha (jiġifieri d-dħul ta’ tmienja u erbgħin (48) student) – dik tas-sena skolastika 2024-2025, ġewwa l-Ħamrun.
It-twaqqif tal-iskola kienet deċiżjoni Ministerjali bbażata fuq il-wegħda elettorali tal-Gvern li jsaħħaħ l-Arti u ilha tirċievi feedback pożittiv mifrux mill-istudenti, il-ġenituri tagħhom u l-komunità artistika in ġenerali.