Ħarsa Ġenerali fuq il-programm tal-Catch-Up:

Il-Catch-Up Classes jipprovdu opportunità ta’ reviżjoni fis-suġġetti ewlenin li jkunu saru matul is-sena skolastika preċedenti. Dawn il-lezzjonijiet qed jiġu provduti u mgħallma minn għalliema kwalifikati lill-istudenti kollha fi gruppi żgħar kemm f’livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju. Fis-sajf il-programm huwa mifrux fuq tmien ġimgħat min-nofs Lulju sal-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, erba’ darbiet fil-ġimgħa. Min-naħa l-oħra, fix-xitwa l-programm huwa mifrux fuq tmienja u għoxrin ġimgħa, min-nofs Novembru sal-ewwel ġimgħa ta’ Lulju, kull nhar ta’ Sibt filgħodu.

L-importanza u l-għanijiet tal-programm

L-għan tal-programm tal-Catch-Up Classes huwa li jgħin lill-istudenti li jeħtieġu ftit aktar għajnuna u reviżjoni fl-istudji tagħhom. Dan il-programm jagħti ukoll opportunità ta’ reviżjoni lil dawk li jixtiequ jirrevedu u jħossuhom aktar kunfidenti matul is-sena skolastika. Il-programm huwa maħsub għall-istudenti mill-1 sal-10 sena u huwa miftuħ għall-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex.

Dettalji dwar il-programm:

Is-Suġġetti mgħallma

  • Iċ-Ċentri Primarji – matul il-Catch-Up Classes l-istudenti se jkunu qed jibbenefikaw minn tagħlim fis-suġġetti ewlenin fosthom il-Matematika, il-Malti, l-Ingliż, ix-Xjenza, l-ICT u l-Edukazzjoni Fiżika
  • Iċ-Ċentri Sekondarji – matul il-Catch-Up Classes l-istudenti se jkunu qed jibbenefikaw minn tagħlim fis-suġġetti ewlenin fosthom il-Matematika, il-Malti, l-Ingliż, ix-Xjenza, il-Fiżika, l-ICT, l-Edukazzjoni Fiżika u l-Arti.

L-iskeda

  • Fis-sajf, il-programm tal-Catch-Up Classes huwa mifrux fuq tmien ġimgħat, mit-Tnejn sal-Ħamis, min-nofs Lulju sal-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, erba’ darbiet fil-ġimgħa. Iċ-ċentri Primarji jiftħu bejn id-9:00 u 12:00 (nofsinhar), waqt li ċ-ċentri sekondarji jiftħu bejn id-8:45 u n-12:30.
  • Fix-xitwa, il-programm tal-Catch-Up Classes huwa mifrux fuq tmienja u għoxrin ġimgħa, min-nofs Novembru sal-ewwel ġimgħa ta’ Lulju, kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Fix-xitwa, kemm iċ-ċentri Primarji kif ukoll iċ-ċentri Sekondarji jiftħu bejn id-9:00 u 12:00 (nofsinhar).

Il-Format (Fiżiku/Onlajn)

Waqt il-programm tal-Catch-Up Classes l-istudenti jistgħu jagħżlu li jattendu f’wieħed miċ-ċentri fiżiċi tagħna jew inkella virtwalment.

Il-Proċess ta’ Reġistrazzjoni:

Sabiex jattendu l-programm tal-Catch-Up Classes, l-istudenti jridu japplikaw permezz tal-onlajn form.

Reġistrazzjoni tal-Catch-Up Classes Sajf 2024

Reġistrazzjoni tal-Catch-Up Classes Xitwa 2023-2024

L-applikazzjonijiet huma fuq bażi ta’ first come first served. Meta l-klassijiet jimtlew, applikanti ġodda jitpoġġew fuq lista ta’ stennija, sakemm jiġu kkuntattjati mill-koordinatur sabiex jibdew. Il-Catch-Up Classes huma mingħajr ħlas.

Eliġibilita’:

Studenti li jeħtieġu għajnuna żejda jew imbuttatura żejda bl-istudji tagħhom jistgħu japplikaw.

L-istudenti kollha madwar il-gżejjer Maltin minn skejjel pubbliċi, tal-knisja u privati huma eliġibbli biex japplikaw.

Il-Benefiċċji:

    • Tgħallim fi gruppi żgħar

Il-klassijiet kollha huma bbażati fuq gruppi żgħar ta’ mhux aktar minn 15-il student. Dan sabiex l-istudenti jibbenifikaw minn attenzjoni individwali kif ukoll ngħinuhom aktar fl-istudji tagħhom. Matul il-programm tal-Catch-Up Classes għandna l-opportunità li nipprovdu attenzjoni individwali lill-istudenti minħabba l-fatt li l-klassijiet huma iżgħar, u jattiraw kemm studenti motivati kif ukoll dawk inqas motivati. Barra minn hekk, dawn il-klassijiet huma strutturati fuq tagħlim pjaċevoli, fejn l-għalliema flimkien mal-istudenti joħolqu b’attitudni pożittiva lejn it-tagħlim.

Barra minnn hekk, l-studenti li jattendu l-programm tal-Catch-Up għandhom l-opportunità li jibbenifikaw minn:

  • Kurrikulu Personalizzat: il-Catch-Up Classes qed jiġu personalizzati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-għanijiet speċifiċi tal-istudenti, billi jippermettu lill-istudenti jistaqsu mistoqsijiet speċifiċi dwar diversi kunċetti li għal xi raġuni jew oħra ma ħassewhomx komdi jistaqsu l-iskola. F’dan il-programm noffru esperjenza effettiva ta’ tagħlim immirata għall-istudenti speċifiċi.
  • Attenzjoni Personalizzata: in-numru ta’ studenti fi klassi huwa iżgħar minn dak ta’ matul is-sena skolastika u għalhekk dawn il-lezzjonijiet jipprovdu attenzjoni speċjalizzata mill-għalliema, li tippermetti tagħlim personalizzat li huwa mfassal għall-ħtiġijiet individwali ta’ kull student.
  • Feedback Individwalizzat: il-biċċa l-kbira tal-għalliema fil-programm tal-Catch-Up Classes jipprovdu feedback immedjat u individwalizzat, li jgħin lill-istudenti jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fis-suġġetti aktar malajr.
  • Inkoraġġament, Appoġġ u Fiduċja: matul il-Catch-Up Classes nipprovdu appoġġ u inkoraġġiment lill-istudenti kollha sabiex jibnu l-fiduċja fihom infushom u jegħlbu kwalunkwè sfida u ostaklu li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw.
    • Għalliema kwalifikati u b’esperjenza

L-għalliema kollha huma għalliema kwalifikati fil-pussess tat-teaching warrant (temporary/permanent) u b’esperjenza ta’ tagħlim kemm fil-qasam Primarju kif ukoll fil-qasam Sekondarju.

Testimonjanzi:

    • Kwotazzjonijiet, feedback u ritratti tal-istudenti, għalliema u ġenituri

Kwotazzjonijiet, kummenti u dikjarazzjonijiet pożittivi pprovduti mill-għalliema bħal:

  • “L-attendenza regolari tal-istudenti turi li l-istudenti huma motivati biżżejjed sabiex jattendu dan il-programm.”
  • “Matul dan il-programm, l-għalliema għandhom l-opportunità li jippromwovu t-tagħlim, u l-istudenti jistgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom tul ħajjithom.”
  • “Il-programm virtwali huwa effettiv ħafna peress li l-istudenti jistgħu jaraw noti, worksheets u past papers li nkunu qed naħdmu flimkien b’mod immedjat.”
  • “Inħoss li l-programm tal-Catch-Up Classes huwa ta’ benefiċċju kbir għax l-istudenti qed isibu spazju sigur fejn jistgħu jaħdmu biex itejbu l-livell ta’ tagħlim tagħhom kif ukoll imorru ’l quddiem ankè matul is-sena skolastika.”
  • “Programm miftuħ għall-istudenti kollha u provdut b’xejn.”
  • “Apparti minna l-għalliema fil-klassi, il-programm tal-Catch-Up Classes huwa ta’ suċċess kbir anke grazzi għall-isforz kbir li qed isir mill-Koordinaturi taċ-Ċentru u x-xogħol impekkabbli tal-Koordinatur Nazzjonali. Dawn jaħdmu bla waqfien sabiex kollox jibqa’ għaddej bl-aktar mod sottili u mingħajr il-possibiltà ta’ xkiel.”

Feedback mingħand l-istudenti rigward il-programm tal-Catch-Up Classes:

  • “Nieħu gost ħafna niġi l-Catch-Up Classes peress li nħoss li l-lezzjonijiet huma adattati għal-livell tagħna u għalhekk huwa perfett għalina”.
  • “Qed nitgħallem diversi ħiliet bħall-qari, il-kitba, is-smigħ u kif naħdem f’tim”.
  • “Irnexxieli nitgħallem kif nipparteċipa fil-lezzjonijiet u nifhem li kulħadd għandu ċ-ċans jistaqsi”.
  • “Il-Catch-Up Classes jgħinuni nirrevedi topiks li nkun tlift waqt il-lezzjonijiet normali tal-iskola”.
  • “Waqt il-Catch-Up Classes nista’ naħdem aktar fuq affarijiet li nitgħallem l-iskola u jkolli aktar ħin biex nipprattikahom.”
  • “Għandna għalliema tajbin u dedikati li jgħinuna ħafna.”
  • “Waqt il-lezzjonijiet nagħmlu ħafna reviżjoni u permezz tal-programm ankè niltaqgħu ma’ ħbieb ġodda. Bħala gruppi żgħar fil-klassi, għandna aktar opportunità li nistaqsu.”
  • “Nemmen li mis-sajf li għadda, bl-għajnuna tal-Catch-up Classes, irnexxieli ntejjeb diversi ħiliet u qed mmur ħafna aħjar fl-iskola, impruvjajt immens. Il-marki tiegħi huma ħafna aħjar u dan kollu grazzi għall-għalliema ddedikati tal-Catch-Up Classes”.

Fejn għandek tikkuntattjana:

Kif għandek tagħmel kuntatt għal aktar informazzjoni u kif tirreġistra

Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattjana permezz ta’ email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella tikkuntattja direttament lill-Koordinatur Nazzjonali s-Sinjura Rodienne Bartolo Delmar fuq +356 79014831.