• Arti:
    Fl-Arti Viżwali, l-istudenti jesperjenzaw u jesploraw il-kunċetti tal-artisti u x-xogħlijiet tal-arti, id-dinja artistika u l-udjenza tagħhom. Huma jitgħallmu dwar il-prattiċi tal-arti viżiva, inklużi l-oqsma tas-snajja’ u d-disinn, kif ukoll l-arti diġitali. Huma jiżviluppaw ħiliet prattiċi u ħsieb kritiku li jifformaw ix-xogħol tagħhom bħala artisti u udjenza.
  • Drama:
    Fid-Drama, l-istudenti jesploraw u jpinġu dinjiet reali u fittizji permezz tal-użu tal-lingwaġġ tal-ġisem, il-ġest u l-ispazju biex jagħmlu tifsira bħala artisti u udjenza. Huma joħolqu, jipprovaw, iwettqu u jirrispondu għad-drama, kif ukoll jitgħallmu jfasslu u jipproduċu kitba tad-drama. Huma ser jiskopru wkoll prinċipji bażiċi ta’ sengħa u esperjenza tal-kitba, kif ukoll produzzjoni għall-palk.
  • Midja
    Fl-Arti tal-Midja, l-istudenti jużaw it-teknoloġiji, biex b’mod kreattiv, jesploraw, jikkomunikaw u jinvestigaw. Huma jiktbu u jinterpretaw stejjer dwar nies, ideat u d-dinja ta’ madwarhom. L-istudenti jħaddmu s-sensi, l-immaġinazzjoni u l-intellett tagħhom permezz ta’ xogħlijiet tal-arti tal-midja li jirrispondu għal influwenzi kulturali, soċjali u organizzattivi varji fuq il-prattiċi tal-komunikazzjoni tal-lum.
  • Mużika:
    Fil-Mużika, l-istudenti jisimgħu, jikkomponu u jinterpretaw mużika minn firxa wiesgħa ta’ stili, tradizzjonijiet u kuntesti differenti. Huma joħolqu, jifformaw u jaqsmu ħsejjes fil-ħin u fl-ispazju, kif ukoll janalizzaw il-mużika b’mod kritiku. Il-prattika tal-mużika hija bbażata fuq is-smigħ u tiffoka fuq l-akkwist u l-użu tal-għarfien, il-fehim u l-ħiliet dwar il-mużika u l-mużiċisti.
  • Żfin:
    Fiż-Żfin, l-istudenti jużaw il-ġisem biex iwasslu burdata u sentimenti, u jesprimu tifsira permezz ta’ moviment bi skop. Il-prattika tgħaqqad flimkien il-koreografija, il-prestazzjoni, l-apprezzament u r-risposti għaż-żfin, kif ukoll l-għamla taż-żfin. L-istudenti se jingħataw esperjenzi prattiċi tal-Ballet, taż-żfin Kontemporanju, tal-Latin, kif ukoll ġeneri oħra ta’ żfin ewlieni.

L-Iskola Nazzjonali tal-Arti Vizwali u Performattiva.

L-iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ San Tumas More u toffri lill-istudenti żgħażagħ tal-Iskola Sekondarja għażla oħra fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Għandha għażla ta’ ħames forom ta’ arti li l-istudenti jistgħu jagħżlu minnhom u jiffokaw fuq WIEĦED minnhom bħala s-suġġett ewlieni ta’ studju. Dawn huma: Arti, Żfin, Drama, Midja u Mużika u kull sena jidħlu 48 student minn madwar Malta u Għawdex. Dawn jintgħażlu permezz ta’ awdizzjonijiet, intervisti u referenzi.

Din l-istituzzjoni edukattiva relattivament ġdida, tagħti lill-artisti żgħażagħ l-opportunità li jkomplu jtejbu l-ħiliet artistiċi tagħhom, kif ukoll is-sens komun u l-intellett billi jikkonsolidaw il-livelli attwali tat-talent tagħhom mingħajr ma jirrinunzjaw għall-profiċjenza tagħhom fis-suġġetti akkademiċi ewlenin. Fil-fatt, l-iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva għandha l-għan li timxi ‘l quddiem fuq triq doppja, jiġifieri dik artistika kif ukoll dik akkademika.

Fis-Seba’ u t-Tmien Sena, kull student għandu għażla ta’ forma ta’ arti primarja waħda li jagħżel, iżda għandu wkoll lezzjonijiet (għal perjodu ta’ ftit ġimgħat) fl-erba’ forom ta’ arti l-oħra mifruxa matul is-sena skolastika kollha. Is-suġġetti tradizzjonali l-oħra jsegwu l-istandard kurrikulari mitlub minnhom. Mid-Disa’ Sena sal-Ħdax-il Sena, il-numru ta’ lezzjonijiet tas-suġġetti sekondarji jinżel ftit, u l-istudenti jkomplu bl-għażla tal-arti preferuta tagħhom.

L-Iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva bħalissa qiegħda tipprepara għat-tmien sena skolastika tagħha (jiġifieri d-dħul ta’ tmienja u erbgħin (48) student) – dik tas-sena skolastika 2024-2025, ġewwa l-Ħamrun.

It-twaqqif tal-iskola kienet deċiżjoni Ministerjali bbażata fuq il-wegħda elettorali tal-Gvern li jsaħħaħ l-Arti u ilha tirċievi feedback pożittiv mifrux mill-istudenti, il-ġenituri tagħhom u l-komunità artistika in ġenerali.

 

FacebookTwitter