Ir-reġistrazzjoni ta’ Skejjel tas-Sajf bħala Stabbilimenti Edukattivi taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni skont il-L.S.605.08 kif emendata mill-ATT XXIX tal-2019

Struzzjonijiet għar-Reġistrazzjoni:

Sajf 2024

L-iskejjel tas-Sajf se jitħallew joperaw suġġett għal u fuq ordnijiet u/jew Avviżi Legali maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa minn żmien għal żmien.

Kjarifika (Disclaimer): Jekk jogħġbok innota li d-DKSE ma jistax jinżamm responsabbli għall-ispejjeż magħmula minn min ser jipprovdi dan is-servizz fl-aspetti kollha tal-organizzazzjoni tal-iskola tas-sajf, inkluż l-aderenza għar-rekwiżiti jew l-obbligi u l-leġiżlazzjoni li jirregolaw l-Iskejjel tas-Sajf, f’ċirkostanzi meta l-imsemmija Skola tas-Sajf ma toperax għal kwalunkwe raġuni.

PASS 1:
 
Imla l-Formola A: Formola ta’ Notifikazzjoni u ssottomettiha online flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ appoġġ meħtieġa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2024.
 
Il-Formola ta’ Notifikazzjoni (Formola A) ma tiġix aċċettata mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni jekk kwalunkwe mid-dokumenti elenkati fil-Formola A nnifisha ma jiġux sottomessi flimkien mal-Formola ta’ Notifikazzjoni. Id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni hija l-31 ta’ Mejju 2024. Formoli sottomessi wara din id-data ta’ skadenza ma jkunux ikkunsidrati mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni.
 

PASS 2:

Hekk kif il-Formola A tiġi approvata, int se tintalab timla l-Formola B online flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ appoġġ meħtieġa kollha sa mhux inqas minn ġimgħa waħda (1) qabel l-ewwel ġurnata tal-Iskola/Klabb tas-Sajf permezz ta’ link mibgħuta bl-email.
 
Il-ħruġ taċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni f’dan l-istadju huwa suġġett għas-sottomissjoni tad-dokumenti elenkati fil-Formola B innifisha sad-data ta’ skadenza stipulata kif indikat hawn fuq. Din id-data ta’ skadenza għandha tiġi osservata dejjem peress illi sottomissjonijiet tardivi tad-dokumentazzjoni pendenti elenkata taħt il-Formola B eventwalment iwasslu biex il-Formola ta’ Notifikazzjoni (Formola A) li tkun ġiet sottomessa inizjalment ma tiġix aċċettata mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni.