Type: Direttorat

Direttorat tal-Finanzi

Id-Dipartiment tal-Finanzi jinkorpora żewġ funzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija finanzjarja, jiġifieri t-Taqsima tal-Finanzi (Ministeru) u t-Taqsima tas-Servizzi Finanzjarji (Direttorati tal-Edukazzjoni). Il-miżuri ta’ kontroll finanzjarju meħuda miż-żewġ sezzjonijiet jinkludu:

(i) Awditjar intern u monitoraġġ kontinwu biex jiġi żgurat servizz ta’ kwalità lill-klijenti tagħna, kemm dawk interni kif ukoll esterni;
(ii) Immaniġġjar tal-finanzi, inkluż l-ippjanar, l-ibbaġitjar u l-monitoraġġ tad-dħul u l-infiq;
(iii) Inizjattivi ta’ titjib fl-effiċjenza, prinċipalment fir-riorganizzazzjoni ta’ operazzjonijiet eżistenti u l-użu fis-sħiħ tar-riżorsi disponibbli.

Direttorat għall-Affarijiet Internazzjonali

Id-Direttorat għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u r-Relazzjonijiet Internazzjonali (EUIRD) huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tal-pożizzjoni ta’ Malta fil-fora tal-UE u dawk Internazzjonali f’fora li jappartjenu għall-portafoll tal-Ministeru.

F’dan ir-rigward, l-EUIRD huwa responsabbli għall-pożizzjoni tal-Ministeru matul id-diskussjoni ta’ proposti ġodda u kontinwi fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Funzjoni oħra importanti hija t-tħejjija ta’ memoranda ta’ spjegazzjoni li jistabbilixxu l-pożizzjoni ta’ Malta fir-rigward ta’ proposti speċifiċi għall-konsiderazzjoni u l-approvazzjoni mill-Kumitat Inter-Ministerjali għall-Affarijiet tal-UE, il-Kabinett u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Kamra tad-Deputati.

Id-Direttorat jikkoordina u jħejji dokumenti għall-gruppi ta’ ħidma, il-kumitati, inklużi l-laqgħat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER) u l-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri. Barra minn hekk, jiżgura li r-Regolamenti u d-Direttivi pertinenti tal-UE jiġu trasposti, implimentati u infurzati b’mod korrett.

L-EURID jikkoordina wkoll it-tħejjijiet ta’ politika għal laqgħat bilaterali ma’ diversi pajjiżi u jappoġġa interazzjonijiet fi ħdan fora multilaterali għal oqsma li jappartjenu għall-mandat tal-Ministeru. Dawn jinkludu l-parteċipazzjoni f’konferenzi, seminars, workshops u gruppi ta’ esperti fejn meħtieġ fil-fora lokali u internazzjonali. Barra minn hekk, l-EUIRD jappoġġa t-tisħiħ tar-Relazzjonijiet Internazzjonali għal oqsma fi ħdan il-portafoll tal-Ministeru inkluż permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni u Memoranda ta’ Qbil.